L-Importanza ta’ Adam u Eva

Minħabba l-waqgħa ta’ Adam u Eva, aħna lkoll nistgħu niġu f'din-dinja biex ningħataw ġisem, nitgħallmu, u nsiru iktar bħal Alla u Ġesù Kristu ħalli xi darba nkunu nistgħu nirritornaw u ngħixu magħhom.

Adam u Eva fil-Ġnien tal-Għeden

Min kienu Adam u Eva?

Adam u Eva kienu l-ewwel fost l-ulied ta’ Missierna tas-Smewwiet li ġew fid-dinja u rċevew ġisem. Għexu bħala raġel u mara miżżewġin fil-Ġnien tal-Għeden, ġenna li fiha ma esperjenzaw l-ebda oppożizzjoni u għalhekk ma kellhom l-ebda konoxxenza ta’ ferħ jew niket, pjaċir jew uġigħ.

Sakemm damu fil-Ġnien tal-Għeden, Adam u Eva għexu fil-preżenza ta’ Alla. Alla qalilhom li jekk jieklu l-frott tas-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin, huma kienu jsiru mortali u jitkeċċew mill-Ġnien tal-Għeden u mill-preżenza tiegħu. Iżda minflok, huma ngħataw il-qawwa li jagħżlu għalihom infushom.

Kif seħħet il-waqgħa ta’ Adam u Eva?

Adam u Eva għażlu li jieklu mill-frott tas-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin, anki jekk Alla kkmandahom biex ma jagħmlux dan. Dan ġiegħel lil Adam u Eva biex iħallu l-preżenza ta’ Alla u wassal għal stat magħruf bħala l-Waqgħa. Ħafna reliġjonijiet Kristjani jgħallmu li Adam u Eva dinbu u li aħna lkoll qed niġu kkastigati għall-għażla ħażina tagħhom.

Madanakollu, aħna nemmnu mod ieħor. It-tieni Artiklu ta’ Fidi tagħna jiddikjara, “Aħna nemmnu li l-bnedmin se jiġu kkastigati għal dnubiethom, u mhux għal ksur il-liġi ta’ Adam.” Għalkemm Adam u Eva fil-fatt ma obdewx il-kmandament ta’ Alla u kellhom jesperjenzaw il-konsegwenzi, l-għażla tagħhom kienet parti importanti mill- pjan ta’ Alla.

Xi tfisser il-Waqgħa ta’ Adam u Eva għalina?

Adam u Eva ħallew il-ġenna biex ifittxu l-progressjoni. Minħabba li kielu l-frott, aħna lkoll għandna ċ-ċans li nitwieldu f’din id-dinja, li fiha nistgħu nitgħallmu u nikbru. Ilkoll nistgħu nitgħallmu d-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin, nesperjenzaw il-ferħ, u nikbru u nsiru aħjar. Ilkoll se nesperjenzaw ukoll in-niket u, eventwalment, il-mewt. Iżda peress li Ġesù Kristu ta ħajtu għalina, aħna lkoll nistgħu negħlbu l-effetti tal-Waqgħa. Aħna lkoll se nqumu mill-imwiet, u jekk ngħixu tajjeb u nimxu wara Ġesù, ilkoll nistgħu niġu mifdijin u nerġgħu lura biex ngħixu ma’ Alla mill-ġdid.

Tgħallem Aktar dwar il-Bibbja, dwar Alla, u l-Imħabba Tiegħu